Reviżjoni.
Reviżjoni ta’ traduzzjonijiet u testi bil-Malti biex il-kontenut ikun preċiż, it-test ikun mexxej u t-terminoloġija tkun konsistenti.
Meta nirrevedi traduzzjoni, inqabbel it-test bil-Malti mal-oriġinal biex nara jekk it-tifsira, l-intenzjoni, it-ton u l-isfumaturi tat-test inqalbux b’mod korrett. Nevalwa l-kwalità tat-test bil-Malti nnifsu: il-formulazzjoni, iċ-ċarezza, il-konsistenza u l-adegwatezza tiegħu għall-kuntest.
REVIŻJONI TA' TRADUZZJONI
Ir-reviżjoni hija parti importanti mill-proċess professjonali tat-traduzzjoni. Meta nirrevedi traduzzjoni, ma nikkoreġix biss il-Malti iżda nivverifika r-rabta bejn l-il-lingwa sors u t-traduzzjoni.
Nara fost l-oħrajn:
- jekk it-tifsira sħiħa tal-oriġinal inqalbitx;
- jekk hemmx informazzjoni li tħalliet barra jew żdiedet bi żball;
- jekk it-ton u r-reġistru ġewx adattati b’mod xieraq;
- jekk l-isfumaturi tal-oriġinal inżammux;
- jekk it-terminoloġija hijiex preċiża u konsistenti;
- u jekk it-test Malti jinqarax b’mod naturali.
Dan huwa partikolarment importanti f’testi istituzzjonali, tekniċi u speċjalizzati, fejn differenza żgħira fit-tifsira tista’ tkun tfisser ħafna.
REVIŻJONI TA' TESTI BIL-MALTI
Ir-reviżjoni mhijiex limitata għat-traduzzjonijiet. Nirrevedi wkoll testi li nkitbu oriġinarjament bil-Malti u li jeħtieġu daqqa t’għajn professjonali qabel ma jiġu ppubblikati jew jintużaw.
F’dan il-każ, l-attenzjoni tkun fuq il-kwalità tal-Malti nnifsu: il-grammatika, is-sintassi, l-għażla tal-kliem, iċ-ċarezza, in-naturalezza, it-ton, ir-reġistru u l-konsistenza. L-għan mhuwiex li nbiddel il-vuċi tal-awtur, iżda li nsaħħaħ it-test mingħajr ma nbiddel dak li jrid jgħid.
reviżjoni TA' KWALITÀ
01. NIFHEM L-ORIĠINAL
Meta nirrevedi traduzzjoni, l-ewwel jeħtieġ li nifhem it-test sors. Dan jinkludi l-kontenut, l-iskop, il-kuntest, l-udjenza u t-terminoloġija tiegħu.
B’hekk inkun nista’ niddistingwi bejn traduzzjoni li sempliċement tidher tajba bil-Malti u waħda li fil-fatt twassal dak li jgħid l-oriġinal.
02. INQABBEL IŻ-ŻEWĠ TESTI
Inqabbel it-test bil-Malti mal-oriġinal biex nidentifika żbalji fit-tifsira, ommissjonijiet, żidiet bi żball, traduzzjonijiet mhumiex preċiżi u sfumaturi li setgħu ntilfu fil-proċess tat-traduzzjoni.
Nara wkoll kif l-istruttura u t-ton tal-oriġinal ġew adattati għall-Malti.
03. NIĊĊEKKJA L-LINGWA
Test jista’ jwassal it-tifsira tal-oriġinal u xorta waħda jkollu Malti dgħajjef.
Għalhekk, nivverifika l-grammatika, is-sintassi, l-għażla tal-kliem, il-punteġġjatura, in-naturalezza tal-formulazzjoni u kif l-ideat jintrabtu flimkien.
Fejn ikun meħtieġ, nirranġa l-formulazzjoni biex it-test ikun aktar ċar u mexxej.
04. NIVVERIFIKA T-TERMINOLOĠIJA
Fit-testi tekniċi u speċjalizzati, il-preċiżjoni terminoloġika hija essenzjali.
Niċċekkja jekk it-termini użati humiex korretti fil-qasam partikolari, xierqa għall-kuntest u konsistenti matul it-test kollu. Fejn ikun meħtieġ, nagħmel aktar riċerka biex nivverifika l-użu tat-termini u l-kunċetti li jirreferu għalihom.
05. NIRFINA T-TEST
Fl-aħħar nett, nara li l-bidliet kollha jaħdmu flimkien u li t-test ikun konsistenti mill-bidu sal-aħħar.
L-għan huwa li nibqa’ leali lejn il-kontenut u l-vuċi tiegħu filwaqt li noqgħod attent li l-Malti jkun kemm jista’ jkun preċiż, ċar u idjomatiku.
reviżjoni mhix qari tal-provi
Fir-reviżjoni ta’ traduzzjoni, nistaqsi jekk it-test Malti jwassalx b’mod korrett dak li jgħid l-oriġinal, jekk it-terminoloġija hijiex preċiża, jekk it-ton u l-intenzjoni ġewx trasferiti u jekk il-lingwa hijiex naturali u xierqa għall-kuntest.
Il-qari tal-provi huwa kontroll finali qabel il-pubblikazzjoni, aktar iffukat fuq żbalji bħal ortografija, punteġġjatura, żbalji tat-tipa, u dettalji tipografiċi.
Għalhekk, reviżjoni tista’ titqies bħala parti mill-proċess tat-traduzzjoni, filwaqt li l-qari tal-provi huwa kontroll finali tat-test.
X'NISTA' nirrevedi?
Testi istituzzjonali
Rapporti, dokumenti amministrattivi, komunikazzjonijiet u pubblikazzjonijiet.
Testi professjonali
Dokumenti korporattivi, materjal għall-klijenti u dokumentazzjoni professjonali.
Testi tekniċi u speċjalizzati
Testi li fihom terminoloġija speċifika u li jeħtieġu attenzjoni partikolari għall-preċiżjoni.
Kontenut diġitali
Siti web, artikli, paġni informattivi u kontenut ieħor għall-pubblikazzjoni online.
Traduzzjonijiet
Traduzzjonijiet mill-Ingliż, il-Franċiż, it-Taljan jew l-Olandiż għall-Malti li jeħtieġu reviżjoni indipendenti.
