QARI TAL-PROVI.
L-aħħar kontroll qabel ma test jiġi ppubblikat.
Il-qari tal-provi huwa l-aħħar pass fil-proċess tal-kitba, it-traduzzjoni jew il-pubblikazzjoni. Huwa kontroll dettaljat tat-test finali biex jiġu identifikati u kkoreġuti żbalji ortografiċi, grammatikali, tipografiċi u ta’ punteġġjatura, kif ukoll inkonsistenzi żgħar.
L-għan mhuwiex li nbiddel it-test jew l-istil tiegħu, iżda li nagħmel ċert li l-verżjoni finali tkun nadifa, korretta u lesta għall-qarrej.
KONTROLL TAL-AĦĦAR
Meta test ikun wasal fl-aħħar stadju, ħafna drabi ma jkunx għad hemm bżonn ta’ bidliet kbar. Dak li jibqa’ jista’ jkun żgħir: ittra jew aċċent nieqes, punteġġjatura żbaljata, kelma miktuba b’mod inkonsistenti jew żball li għajnejk ikunu draw wara li tkun qrajt l-istess test diversi drabi.
Qari tal-provi indipendenti jipprovdi par għajnejn ġodda li jiffoka fuq dawn id-dettalji, u huwa partikolarment importanti meta test ikun twil, ikun ilu jgħaddi minn diversi stadji ta’ editjar jew ikun se jiġi ppubblikat fl-għamla finali tiegħu. Meta test ikun kważi lest, żball wieħed jista’ jiġbed l-attenzjoni tal-qarrej u jnaqqas mill-kredibbiltà tax-xogħol kollu.
Qari tal-provi jagħtik l-opportunità li taqbad dawk l-iżbalji qabel ma jarahom ħaddieħor, sabiex meta t-test jiġi ppubblikat, il-qarrej ikun jista’ jiffoka fuq il-messaġġ tat-test u mhux fuq l-iżbalji li jkun fih.
X'NIĊĊEKKJA?
ORTOGRAFIJA
Niċċekkja l-ortografija tal-kliem u nidentifika żbalji tat-tipa, ittri neqsin jew żejda, u żbalji oħra fil-kitba.
GRAMMATIKA
Nidentifika żbalji grammatikali evidenti li jkunu għaddew mill-istadji preċedenti tal-editjar.
PUNTEĠĠJATURA
Niċċekkja l-użu tal-virgoli, punti, punti u virgoli, żewġ punti, virgoletti, parentesi u sinjali oħra ta’ punteġġjatura.
KONSISTENZA
Niċċekkja li ismijiet, termini, abbrevjazzjonijiet, numri, dati u konvenzjonijiet oħra jintużaw b’mod konsistenti matul id-dokument.
TIPOGRAFIJA
Fejn il-format tad-dokument jippermetti dan, infittex żbalji bħal spazji żejda, spazji neqsin, intestaturi inkonsistenti, kliem maqsum b’mod żbaljat u problemi oħra li jistgħu jaffettwaw il-verżjoni finali.
DETTALJI OĦRA
Nara wkoll għal żbalji żgħar li ma jaqgħux faċilment taħt kategorija waħda: kliem ripetut bi żball, kliem nieqes, numri li ma jaqblux jew differenzi żgħar bejn partijiet differenti tal-istess dokument.
qari tal-provi TA' KWALITÀ
01. NAQRA B’ATTENZJONI
Qari tal-provi jitlob qari aktar bil-mod u metodiku minn qari normali. L-għan mhuwiex li nifhem biss il-messaġġ, iżda li noqgħod attent għal kull dettall.
02. NIĊĊEKKJA L-KELMA U S-SENTENZA
Ngħaddi t-test b’attenzjoni biex nidentifika żbalji ortografiċi, grammatikali u ta’ punteġġjatura, flimkien ma’ żbalji tat-tipa u ommissjonijiet.
03. NIĊĊEKKJA L-KONSISTENZA
Ma nqisx biss kull sentenza waħedha. Niċċekkja wkoll it-test kollu biex nara jekk l-istess termini, ismijiet, abbrevjazzjonijiet, dati u konvenzjonijiet jintużawx bl-istess mod fid-dokument kollu.
04. NARA L-VERŻJONI FINALI
L-aħħar pass huwa li nara t-test bħalma se jarah il-qarrej. Fejn ikun possibbli, dan jinkludi l-kontroll tal-elementi viżibbli l-oħra tal-verżjoni finali, mhux biss il-kliem innifsu.
qari tal-provi mhix reviżjoni
Jekk traduzzjoni għandha problema fit-tifsira, terminoloġija mhix preċiża jew formulazzjoni li ma taħdimx bil-Malti, dak huwa xogħol ta’ reviżjoni.
Jekk it-test huwa lest iżda fih xi żball tat-tipa, aċċent nieqes, virgola żbaljata jew inkonsistenza żgħira, dak huwa xogħol ta’ qari tal-provi.
Għalhekk, qari tal-provi normalment isir wara r-reviżjoni u l-editjar, meta l-kontenut u l-formulazzjoni jkunu diġà ġew stabbiliti.
Ta' xiex isir qari tal-provi?
Pubblikazzjonijiet
Kotba, artikli, rivisti, rapporti u materjal editorjali.
Dokumenti professjonali u istituzzjonali
Rapporti, dokumentazzjoni, komunikazzjonijiet u pubblikazzjonijiet.
Kontenut diġitali
Siti web, artikli, paġni informattivi u materjal għall-pubblikazzjoni online.
Materjal akkademiku
Dokumenti, riċerka u testi oħra li jeħtieġu kontroll finali bir-reqqa.
Traduzzjonijiet
Verżjonijiet Maltin li diġà ġew tradotti u riveduti u li jeħtieġu kontroll finali qabel il-pubblikazzjoni.
