• Dwari
  • Servizzi
    • Traduzzjoni
    • Reviżjoni
    • Qari tal-provi
  • Rati
  • Riżorsi
    • verb.mt | Konjugatur tal-verbi
    • qawl.mt | Qwiel Maltin
    • idjoma.mt | Idjomi Maltin
    • Għidha bil-Malti
  • Kellimni

QARI TAL-PROVI.

L-aħħar kontroll qabel ma test jiġi ppubblikat.

Qari tal-provi huwa l-aħħar pass fil-proċess tal-kitba, traduzzjoni jew pubblikazzjoni. Huwa kontroll dettaljat tat-test finali biex jiġu identifikati u kkoreġuti żbalji ortografiċi, grammatikali, tipografiċi u ta’ punteġġjatura, kif ukoll inkonsistenzi żgħar.

L-għan mhuwiex li nbiddel it-test jew l-istil tiegħu, iżda li nassigura li l-verżjoni finali tkun nadifa, korretta u lesta għall-qarrej.

 

KONTROLL TAL-AĦĦAR

Meta test ikun wasal fl-aħħar stadju, ħafna drabi ma jkunx għad hemm bżonn ta’ bidliet kbar. Dak li jibqa’ jista’ jkun żgħir: ittra jew aċċent nieqes, punteġġjatura żbaljata, kelma miktuba b’mod inkonsistenti jew żball li għajnejk tkun draw bih wara li qrajt l-istess test diversi drabi.

Qari tal-provi indipendenti jipprovdi par għajnejn ġodda li jiffoka fuq dawn id-dettalji, u huwa partikolarment importanti meta test ikun twil, ikun ilu jgħaddi minn diversi stadji ta’ editjar jew ikun se jiġi ppubblikat f’forma finali. Meta test ikun kważi lest, żball wieħed jista’ jiġbed l-attenzjoni tal-qarrej u jnaqqas mill-kredibbiltà tax-xogħol kollu.

Qari tal-provi jagħtik l-opportunità li taqbad dawk l-iżbalji qabel ma jarahom ħaddieħor, sabiex meta t-test joħroġ għall-pubbliku, il-qarrej ikun jista’ jiffoka fuq dak li għandu xi jgħid, u mhux fuq l-iżbalji li jkun fih.

X'NIĊĊEKKJA?

ORTOGRAFIJA

Niċċekkja l-ortografija tal-kliem u nidentifika typos, ittri neqsin jew żejda, u żbalji oħra fil-kitba.

GRAMMATIKA

Nidentifika żbalji grammatikali evidenti li jkunu għaddew mill-istadji preċedenti tal-editjar.

PUNTEĠĠJATURA

Niċċekkja l-użu tal-virgoli, punti, punti u virgoli, żewġ punti, virgoletti, parentesi u sinjali oħra ta’ punteġġjatura.

KONSISTENZA

Niċċekkja li ismijiet, termini, abbrevjazzjonijiet, numri, dati u konvenzjonijiet oħra jintużaw b’mod konsistenti matul id-dokument.

TIPOGRAFIJA U FFORMATTJAR

Fejn il-format tad-dokument jippermetti dan, infittex żbalji bħal spazji żejda, spazji neqsin, intestaturi inkonsistenti, kliem maqsum b’mod żbaljat u problemi oħra li jistgħu jaffettwaw il-verżjoni finali.

DETTALJI OĦRA

Nara wkoll għal żbalji żgħar li ma jaqgħux faċilment taħt kategorija waħda: kliem ripetut aċċidentalment, kliem nieqes, numri li ma jaqblux jew differenzi żgħar bejn partijiet differenti tal-istess dokument.

qari tal-provi TA' KWALITÀ

01. NAQRA B’ATTENZJONI

Qari tal-provi jitlob qari aktar bil-mod u metodiku minn qari normali. L-għan mhuwiex li nifhem biss il-messaġġ, iżda li noqgħod attent għal kull dettall tal-verżjoni finali.

02. NIĊĊEKKJA L-KELMA U S-SENTENZA

Ngħaddi t-test b’attenzjoni biex nidentifika żbalji ortografiċi, grammatikali u ta’ punteġġjatura, flimkien ma’ żbalji tat-tipa u ommissjonijiet.

03. NIĊĊEKKJA L-KONSISTENZA

Ma narax biss lejn kull sentenza waħedha. Niċċekkja wkoll it-test kollu biex nara jekk l-istess termini, ismijiet, abbrevjazzjonijiet, dati u konvenzjonijiet jintużawx bl-istess mod fid-dokument kollu.

04. NARA L-VERŻJONI FINALI

L-aħħar pass huwa li nara t-test bħalma se jarah il-qarrej. Fejn ikun possibbli, dan jinkludi l-kontroll tal-elementi viżibbli tal-verżjoni finali, mhux biss il-kliem innifsu.

qari tal-provi mhix reviżjoni

Il-qari tal-provi huwa kontroll tal-verżjoni finali. Ir-reviżjoni tqis il-kwalità tat-test.

Jekk traduzzjoni għandha problema fit-tifsira, terminoloġija mhix preċiża jew formulazzjoni li ma taħdimx bil-Malti, dak huwa xogħol ta’ reviżjoni.

Jekk it-test huwa lest iżda fih xi żball tat-tipa, aċċent nieqes, virgola żbaljata jew inkonsistenza żgħira, dak huwa xogħol ta’ qari tal-provi.

Għalhekk, qari tal-provi normalment isir wara r-reviżjoni u l-editjar, meta l-kontenut u l-formulazzjoni jkunu diġà ġew stabbiliti.

X'jista' jsirlu qari tal-provi?

Pubblikazzjonijiet
Kotba, artikli, rivisti, rapporti u materjal editorjali.

Dokumenti professjonali u istituzzjonali
Rapporti, dokumentazzjoni, komunikazzjonijiet u pubblikazzjonijiet.

Kontenut diġitali
Siti web, artikli, paġni informattivi u materjal għall-pubblikazzjoni online.

Materjal akkademiku
Dokumenti, riċerka u testi oħra li jeħtieġu kontroll finali bir-reqqa.

Traduzzjonijiet
Verżjonijiet Maltin li diġà ġew tradotti u riveduti u li jeħtieġu kontroll finali qabel il-pubblikazzjoni.

Kellimni

Għandek xi test li tixtieqni nara?
Ibgħatli d-dettalji tax-xogħol tiegħek u niddiskutu x'tip ta' servizz għandek bżonn.

→ IBGĦATLI MESSAĠĠ

traduzzjoni · reviżjoni · qari tal-provi

© 2026

navigazzjoni

dwari
rati
kellimni

  • Follow

servizzi

Traduzzjoni
Reviżjoni
Qari tal-provi

    RIŻORSI LINGWISTIĊI

    verb.mt
    qawl.mt
    idjoma.mt
    ghidhabilmalti.mt