Traduzzjoni.
Traduzzjonijiet mill-Ingliż, il-Franċiż, it-Taljan u l-Olandiż għall-Malti.
Nittraduċi testi għall-Malti b’attenzjoni mhux biss għall-kliem, iżda għat-tifsira, it-ton, il-kuntest u l-iskop tat-test. L-għan jibqa’ li l-verżjoni Maltija taqra b’mod naturali u preċiż, filwaqt li tibqa’ leali lejn il-kontenut u l-intenzjoni tal-oriġinal.
LIL HINN MILL-KLIEM
Traduzzjoni tajba mhijiex sempliċement il-bdil kelma b’kelma minn lingwa għal oħra. Kull lingwa għandha l-istruttura, l-espressjonijiet, il-konvenzjonijiet u l-mod tagħha kif twassal idea. Għalhekk, traduzzjoni li ssegwi l-forma tal-oriġinal b’mod riġidu tista’ tkun teknikament korretta iżda xorta waħda ma tinstemax naturali bil-Malti.
Fil-ħidma tiegħi nagħti prijorità lis-sustanza tat-test: x’qed jgħid, għaliex qed jgħidu, lil min qed jiġi indirizzat u x’effett għandu jkollu. Il-formulazzjoni Maltija mbagħad tissawwar skont dan il-kuntest. Dan ifisser li t-traduzzjoni għandha tkun preċiża, ċara u naturali, filwaqt li żżomm it-ton, l-intenzjoni u l-informazzjoni tat-test oriġinali.
IL-LINGWI
Ingliż → Malti
Franċiż → Malti
Taljan → Malti
Olandiż → Malti
Il-ħidma tiegħi hija ffukata fuq it-traduzzjoni għall-Malti. Dan jippermettili nikkonċentra fuq dak li jagħmel test Malti tajjeb: lingwa naturali, terminoloġija konsistenti, grammatika korretta u formulazzjoni li taqbel mal-kuntest.
TRADUZZJONI TA' KWALITÀ
01. NIFHEM IT-TEST
Qabel ma nittraduċi, jeħtieġ li nifhem it-test. Dan jinkludi l-għan tiegħu, l-udjenza li għaliha huwa maħsub, il-kuntest li fih se jintuża u t-terminoloġija speċjalizzata li jkun fih.
It-traduzzjoni tirnexxi skont il-fehim tat-test li fuqu tkun ibbażata.
02. NIRRIĊERKA
Test speċjalizzat spiss jitlob aktar minn sempliċi għarfien tal-lingwa. Meta niltaqa’ ma’ kunċett, terminu jew qasam li jeħtieġ aktar riċerka mingħandi, infittex is-sorsi xierqa biex nifhem eżattament x’inhi t-tifsira u kif il-kunċett jista’ jiġi espress b’mod korrett u preċiż fil-kuntest Malti.
Dan jista’ jinvolvi letteratura speċjalizzata, dokumentazzjoni istituzzjonali, leġiżlazzjoni, glossarji, bażijiet tad-data terminoloġiċi u sorsi oħra awtorevoli.
Il-punt mhuwiex li nsib l-ewwel ekwivalenti li jidher fid-dizzjunarju, iżda li nsib dak li huwa korrett għall-kuntest.
03. INSIB IT-TERMINU
It-terminoloġija hija partikolarment importanti fit-testi tekniċi u speċjalizzati. Terminu jista’ jkollu aktar minn traduzzjoni waħda possibbli, iżda mhux kull għażla tkun adatta.
Inqis il-qasam speċjalizzat, il-kuntest, l-użu stabbilit tat-terminu u l-konsistenza tiegħu matul it-test kollu. Għalhekk, nagħmel ir-riċerka meħtieġa biex nidentifika l-aktar terminu adatt.
04. INSAWWAR TEST BIL-MALTI
Wara li nifhem il-kontenut u nistabbilixxi t-terminoloġija, il-prijorità tkun li t-test ikun konvinċenti bil-Malti.
Dan ifisser li nżomm perfettament is-sens tal-oriġinal, filwaqt li ma nħallix l-istruttura tal-lingwa sors timponi strutturi u espressjonijiet artifiċjali.
Ir-riżultat għandu jinqara bħala test daqslikieku nkiteb oriġinarjament bil-Malti, mhux bħala wieħed li ġie tradott minn lingwa oħra.
TERMINOLOĠIJA U RIĊERKA
Wieħed mill-aspetti tax-xogħol li nara l-aktar interessanti huwa r-riċerka dwar terminu.
Speċjalment f’testi tekniċi, istituzzjonali jew speċjalizzati, il-problema ħafna drabi ma tkunx x’jista’ jfisser dan il-kliem, iżda liema terminu jwassal dan il-kunċett bl-aktar mod preċiż f’dan il-kuntest.
L-esperjenza tiegħi f’ambjenti istituzzjonali u multilingwi għallmitni naħdem b’attenzjoni kbira b’din id-distinzjoni. Terminu ma jintgħażilx sempliċement għax jinstema’ tajjeb jew għax huwa l-ewwel ekwivalenti li wieħed isib. Inħares lejn kif il-kunċett jintuża, f’liema qasam jidħol, x’terminoloġija tintuża f’sorsi awtorevoli u kif għandu jinżamm konsistenti fit-test.
Din ir-riċerka tagħmel differenza speċjalment meta t-test ikun jittratta terminoloġija teknika, xjentifika, legali, amministrattiva jew istituzzjonali.
X'NISTA' NITTRADUĊI?
Naħdem fuq firxa wiesgħa ta’ testi, minn materjal ġenerali sa dokumenti li jeħtieġu għarfien aktar speċjalizzat u riċerka terminoloġika.
Dokumenti u testi professjonali
Rapporti, korrispondenza, dokumenti amministrattivi u materjal għall-klijenti, bħal flyers, fuljetti, eċċ.
Testi istituzzjonali
Dokumenti amministrattivi, pubblikazzjonijiet, komunikazzjonijiet u materjal relatat ma’ organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet.
Testi tekniċi u speċjalizzati
Testi li fihom terminoloġija speċifika u li jeħtieġu riċerka sfiqa biex wieħed ikun ċert li l-kunċetti u t-termini jiġu tradotti b’mod preċiż.
Kontenut diġitali
Siti web, artikli, materjal informattiv u kontenut ieħor maħsub għall-pubblikazzjoni online.
Kellimni
Għandek xi test li tixtieqni nara?
Ibgħatli d-dettalji tax-xogħol tiegħek u niddiskutu x'tip ta' servizz għandek bżonn.
